Skip Ribbon Commands
Skip to main content

REMIT

Fl-2011, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ingħatat kompitu addizzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (REMIT) adottat fit-8 ta’ Diċembru 2011.

Sfond

REMIT jintroduċi qafas legali speċifiku għas-settur għall-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. L-għan hu li tiġi identifikata u skoraġġuta l-manipolazzjoni tas-suq. Għall-ewwel darba, ser isir skrinjar tal-kummerċ fl-enerġija fil-livell tal-UE sabiex jinkixfu l-abbużi.

L-integrità u t-trasparenza tas-suq huma essenzjali għal swieq tal-enerġija li jiffunzjonaw sew u għall-promozzjoni tal-kunfidenza tal-parteċipanti tas-suq u l-konsumaturi finali.

Ladarba jiġi implimentat b’mod sħiħ ir-REMIT, l-ACER ser:

  • tkun responsabbli mill-ġbir u l-analiżi tad-dejta dwar is-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u informazzjoni rilevanti oħra sabiex jiġu identifikati każijiet possibbli ta’ abbuż tas-suq.
  • tinnotifika lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN) ikkonċernati wara valutazzjoni inizjali, u meta jkun hemm raġunijiet li jindikaw li tkun verament seħħet imġiba abbużiva.

L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet u jpoġġu fis-seħħ pieni sabiex jgħinu fit-twaqqif u l-prevenzjoni tal-manipolazzjoni tas-suq.

Dan huwa kompitu kumpless u delikat għaliex jittratta prodotti kkummerċjati u swieq kumplessi, u wkoll minħabba li l-monitoraġġ għandu jitwettaq b’mod viġilanti mingħajr interferenza indebita mal-ħidma tas-swieq tal-enerġija.

Sabiex tgħin lill-ARN fl-implimentazzjoni ta’ REMIT, l-ACER ipproduċiet Gwida mhux vinkolanti. L-ACER ipprovdiet ukoll informazzjoni u għodod sabiex tgħin lill-parteċipanti fis-suq jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont REMIT.​

​​​